Wara s-suċċess mill-kritiċi u l-qarrejja tal-ktieb tan-novelli ‘Nismagħhom Jgħidu’, Joe Friggieri jagħtina ġabra ta’ 23 novella ġdida fil-ktieb ġdid ‘Il-Gżira l-Bajda u Stejjer oħra’. Dan il-ktieb ġie ppubblikat u mniedi minn Kite Group li wkoll kien ippubblika ‘Nismagħhom Jgħidu’.
Waqt it-tnedija tal-ktieb ‘Il-Gżira l-Bajda u Stejjer oħra’, Ranier Fsadni qal li l-effett tal-istil ta’ kif jikteb Joe Friggieri hu li, għalkemm qed jirrakkonta – u allura l-istorja għandha bidu u tmiem, l-istejjer jieħdu xejra leġġendarja anki meta jkun qed jikteb dwar l-affarijiet ta’ kuljum. U l-leġġendi la għandhom bidu u lanqas tmiem u allura jidwu dejjem madwarna. Fsadni tkellem dwar il-pass li bih huma miktuba n-novelli, fejn min daqqiet huma b’pass mgħaġġel u f’waqtiet oħrajn il-pass tal-kitba fin-novella jikkalma b’hekk il-qarrej jgħaddi minn esperjenzi differenti.
Waqt is-serata li matulha tnieda l-ktieb ‘Il-Gżira l-Bajda u Stejjer oħra’ li saret f’Demajo House l-Belt. inqraw 3 novelli mill-awtur innifsu Joe Friggieri u mill-kritiku letterarju u tal-palk Paul Xuereb li jiddeskrivi lil Joe Friggieri bħala awtur li għandu l-kapaċita’ li jippreżenta u jittratta b’mod divertenti ideat li ħaseb u kiteb fuqhom bħala ħassieb serju.
Il-kapaċita’ dwar il-mod kif jittratta suġġetti differenti u li jżommok fuq ix-xwiek sal-aħħar wassal biex il-kollezzjoni ta’ novelli ‘Nismagħhom Jgħidu’ kienet inbiegħet fi żmien qasir u l-ktieb kien ġie stampat għat-tieni darba. Novella minnhom ‘Dritt għall-Punt’ rebħet ukoll il-konkors għall-film qasir organizzat mill-Kunsill tal-Ktieb. Fil-fatt saret produzzjoni minn Kite Group u Mitt Ħolma ta’ din in-novella.
Il-kotba ‘Il-Gżira l-Bajda u Stejjer oħra’ u ‘Nismagħhom Jgħidu’ ġew ippubblikat f’żewġ edizzjonijiet, paperback u hardback. Kopji jistghu jinxtraw mill-ħwienet tal-kotba jew minn fuq www.kitegroup.com.mt.