Neżżajtni minn bniedem – Jesmond Saliba

Neżżejatni minn bniedem,
Imma inqdejt b’raħal twelidi,
Biex tkun tista’ żżebblaħni,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

…

Neżżajtni minn bniedem,
Imma użajt lit-tim favorit tiegħi,
Biex tkun tista’ toffendini,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

…

Neżżajtni minn bniedem,
Imma inqdejt bil-forma tiegħi,
Biex tkun tista’ tiddiehaq bija,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

…

Neżżajtni minn bniedem,
Imma użajt xogħli,
Biex tkun tista’ tikkritikani,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

…

Neżżajtni minn bniedem,
Imma ħarist lejn f’Min nemmen
Biex tkun tista’ twarrabni,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

…

Neżżajtni minn bniedem,
Ittimbrajtni Laburist jew Nazzjonalist,
Biex tkun tista’ tgħajjarni,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

…

Neżżajtni minn bniedem,
U identifikajtni ma’ pajjiżi
Biex tkun tista’ twarrabni,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

…

Neżżajtni minn bniedem,
Tfajt fuqi l-mantar ta’ Iswed,
Biex tkun tista tgħajjarni,
Biex tkun tista’ tobgħodni.

Biex tkun tista toqtolni.

18.05.2019

Verified by MonsterInsights