Tal-Biża … l-indifferenza fejn waslitna – It-Torċa

Reading Time: 3 minutes

Minkejja li ħafna għajtu għal ġustizzja dwar il-qtil ta’ Lassana, ittamajna li r-razziżmu ma jkunx involut f’dan il-qtil. Xtaqna li b’xi mod ma ngħixux f’pajjiż fejn xi ħadd ifettillu jispara fuq in-nies għax huma suwed. Ġara dak li qatt ma xtaqna. Din l-aħbar  hija tal-biża’ minn kull aspett li tħares lejha. 

Dan ifisser li r-razzizmu fil-pajjiż għolla rasu aktar milli ħsibna. U huwa tort tagħna lkoll. Għax għaddasna rasna fir-ramel u dejjem ngħidu li aħna mhux razzisti. Għax aħna tgħidx kemm inħabbtu fuq sidirna nhar ta’ Ħadd. Aħna Kattoliċi.

Kien jingħad biss li  aħna kontra invażjoni bla kontroll u mhux kontra l-kulur. Jidher li morna żball. Hawn fostna li lesti jisparaw fuq nies għax suwed. Din aħbar li suppost qed twaħħaxna idaħħalna f’qoxortna u ġġiegħlna nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar dak li qed ngħallmu u nħallu għaddej minn ħdejn imneħirna. 

U għaliex għolla rasu? Mistoqsija li wasal iż-żmien li nistħarrġuha. Ma nistgħux iħallu barra l-indifferenza. Iva anki mill-awtoritajiet. Min jaf kemm rajna kumment dispreġjattivi u ta’ mibegħda lejn is-suwed u xejn ħadd ma jieħu passi. Anzi tinforma lill-awtoritajiet u jgħidulek li ‘ftit li xejn nistgħu nagħmlu”.

Huwa agħar li l-qtil sar minn membri ta’ korp dixxiplinat? Iva għax huma inkarigati fost oħrajn li jagħmlu xogħol ma’ nies suwed. Huma n-nies li jieħdu deċiżjonijiet diffiċli u jridu joħduhon mhux skont l-kulur. Is-suldati mhux kollha razzisti imma tajjeb li l-armata tagħmel eżami tal-kuxjenza u tintefa’ b’ruħha u ġisimha biex teduka lill-membri tagħha. Nagħlqu ħalq il-lemin estrem? Ma nistgħux. Pero tajjeb li l-Maltin li  jagħtu l-vot lil min rewwaħ kemm felaħ din il-klima ta’ mibegħda u ħdura jagħmlu anke huma eżami tal-kuxjenza u jaraw fejn dan wassal l-pajjiż. X’ġid sar fil-pajjiż b’dan  id-diskors? Assolutament xejn. L-aħħar żewġ istituzzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza huma l-knisja u l-iskejjel. ll-knisja għandha saħħa kbira biex minn fuq l-pulptu tgħid ċar u tond li ma tistax tkun  nisrani u razzist. Il-messaġġ għandu jkun ċar. L-iskejjel iridu jifhmu li huma għandhom l-akbar saħħa biex jedukaw l-istudenti li jkunu s-suldati, l-għalliema u t-tobba t’għada.  F’ġieħ is-sewwa kif suldat razzist mhux postu fl-armata lanqas għalliem razzist mhu postu jgħallem  tfal.  

IT-TORĊA flimkien ma’ l-ġurnal ta’ kuljum L-ORIZZONT u l-portal inewsmalta.com  isellem il-memorja ta’ Lassana li ġie f’dan il-pajjiż biex jgħix aħjar imma spiċċajna qtilnieh.  J’alla din il-mewt ma tkunx għalxejn tkun tal-ewwel u tal-aħħar u sservi biex nqiegħdu jdejna fuq sidirna u ngħidu li għandna kollha biċċa tort biex  wasalna hawn.

This editor was appeared on Maltese Newspaper It-Torċa

Once you're here...

%d